Thursday 15 August 2013

Poeżija lil min hu f'Poter Ekkleżjastiku

B’għajnejk ċanfartni
Leħnek ollejt
Biex semmajt lil Alla u fakkartu li int tiegħU
Iktar minni.
U d-dixxipli tiegħek jistudjaw kull pass li tagħmel int
Għaliex jaraw fik l-epitom tal-irġulija
U bħalek jixitiequ jsiru
Jarawk minn fuq l-artal
Iċċanfar il-folla
Draw il-maġija li tiġri
Meta bejn subgħajk tobrom l-ispag
Li jmexxi l-marjunett tal-kongregazzjoni
Li tiżfen mas-salmi tiegħek

Fosthom jien
Niflik, nagħrfek, nistudjak
U b’imħabba għal kull m’hu sagru
Niċħad lilek u l’kull ma tirrapreżenta
Għax ġiegħeltni nistmerr
Dak kollu li dejjem għaraft b’tajjeb

Imma issa ninduna
Għalxejn nistħtek, għalxejn nħalli l-preżenza tiegħek
Fuq il-maqdes tkiddni.
Illum nifhem, fhimt illum
Li f’din ir-reċta li fiha aħna protagonisti
Jien u int għandna rwoli differenti
Tiegħi li nitkaża bik minn fuq il-bank
U tiegħek li minn fuq l-anbone tammonini
Biss infakkrek
Għaraf sa’ fejn għandek tasal f’din il-parti li qiegħed tilgħab
Tinsa’ qatt li m’għandek l-ebda poter
Ħlief dak mogħti lilek mis-sema
U għalhekk, id-dnub tiegħek f’ismU huwa ikbar

No comments:

Post a Comment