Thursday 15 August 2013

Aħfirli

Aħfirli ta' meta ndejqek meta nifraħ bik, qatt m'hi x-xewqa tiegħi
Li nweġġħek jew niskomodak.
Inkun biss eċitat, aktarx inkun ili ma narak xi ftit mhux ħażin.

Imsomma, ngħiduha kif inhi…
Anke ħames minuti bogħod huma biżżejjed
Għax kif nisimgħek iddawwar iċ-ċavetta
Jew iċċempel il-qampiena tal-bieb
Dak ifisser biss li int, sieħbi - ma kontx id-dar
U jeħtieġ li nilqgħak
Għax jien inħobbok

U aħfirli ta' meta weġġgħajtek għax ħtaftlek idejk.
Ridt nigdem il-ballun tal-isponża, mhux lilek
Ma kkalkulajtx sew, imma kif indunajt, 
Tlaqt kollox u ntfajt fuq dahri
Biex togħrokli żaqqi u nnessik
U tinduna li m'iniex kattiv 
Li kien żball
Li nħobbok

Aħfirli jekk ma nifhmekx mall-ewwel
Kultant indum ftit biex nieħu. 
Tort tiegħi, m'għandix dubju
Għax int tibda' tgħajjat umbgħad, u ġieli ssawwatni
Jew iċċaqlaqni minn ximkien bil-goff

Aħfirli meta ninbaħ ngħajjat
U nqajjem il-ġirien…
Nagħmel hekk ħafna meta nkun ferħan
Meta narak tixtieq tilgħab ftit miegħi

Żomm f'moħħok li int mhux dejjem tkun tista' 
Ttellagħni fuq il-bejt u tħallini niġri warajk
Il-bqija tal-ħin 
Meta int tkun ix-xogħol
Titkellem ma' ħbiebek
Tinnamra f'xi sodda
Jien inkun qiegħed waħdi fis-salott mdallam
Nixxennaq għal maħbuba
Li int qatt m'hu ħa tħallini mmiss
U qas li kieku
Għax fl-għerf tiegħek, sewwejtni

Aħfirli ta' kull darba li ninsa nitbissem
Aktarx inkun qiegħed niftakar
Li ma kull sena tiegħek
Qed jgħaddu sebgħa tiegħi
U kull siegħa li nkun waħdi
Nħossha seklu

Qalbi faċilment tiswied
Għax is-solitudni tnikkitni
Imbgħad jien…li kull ma nixtieq hu li noqgħod ħdejk!
M'hemmx bżonn dejjem nitkellmu ta…
Biżżejjed għalija nkun ma l-art
Fejn saqajk
Nżommlok kumpanija
Għax jien inħobbok

Aħfirli ta' meta npexpex mal-ħajt u tul il-kuritur
Meta turini ċ-ċinga u tgħidli 'tlaqna barra!'
Dak għax ma nkunx nista' nikkontrolla l-pjaċir
Meta nirrealiżża
Li int, sieħbi, lest tissagrifika ftit minn ħinek
Biex tagħmel passejn miegħi
Sinjal li int tħobbni ħafna wkoll

Nixtieq li kieku stajt nixjieħ miegħek!
Nixtieq inkun nista' nieħu ħsiebek!
Nħossni xxurtjat ħafna li ltqajna
Għax jien kull m'jien kelb, u bħali ssib kemm trid
Imma int tiegħi ħabib...għax int tiegħi is-sid

28 March 2012 at 23:56

Ma Bqajtx

U rġajt ħassejtni żagħżugħ,
Tfajjel innoċenti
B’ħajti quddiemi

U neħħejt il-pretensjonijiet kollha
Li akkumulajt maż-żmien
Qoxra ta’ suċċess proġettat
Li dejjem jitbiegħed pass iktar

U ma bqajtx pacifist
Ma bqajtx rejalist
Ma bqajtx liberali
Ma bqajtx anarkist
Ma bqajtx storbjuż
Spiċċat il-ġibda għal ismi
Il-glorifikazzjoni tal-istess
Li twassal biss għal-mewt

U ma bqajtx attivist
U ma bqajtx analitiku
U ma bqajtx soċjalist
U ma bqjatx intelletwali

U iffukajt ħsiebi fuq ix-xewqa waħdanija
Dik li nsib post fis-skiet
Fejn ma ndejjaq lil ħadd
Fejn ħadd ma jdejjaqni

Li did-dinja
U dan il-ġisem
Ma jħalluni qatt niskopri
Sakemm ikun tard wisq

Sħabi Sħab Tajjar

Sħabi sħab tajjar
Jgħatti l-medda tas-smewwiet
Purtiera trasparenti
Jsaffi d-dawl
Tal-qamar
Li jaqa’ hawn fuqi
Sabiex jien nista’ narah

28 February 2013 at 00:03


L-Għarwien tas-Salib

Taħt l-għoli tas-salib
B’qalb imnikkta mxejt
U tlabtek għall-għerf
Li minni int ħbejt
Sabiex inkun nista’
Nagħraf lill-għadu
Għax stħajjilt li floki
L-għerf huwa ħadu
U l-għerf int tajtni
U nfetħu għajnejja
Għall-kurċifiss tiegħek
U bżajt, Mulejja

Fuq l-għoli tas-salib
Dirgħajk miftuħa
Ġismek spulpjat
Imtertaq
Tiċrita waħda
Dagħwa b’Alla
Dagħwa bik
Beżqa f’wiċċek
Stajt tara lil min
Fiċ-ċokontu rabtek
Għajnejh għalaq
Għax sabek
Ma riedx jgħarfek
U għalhekk kasbrek

Mill-għoli tas-salib
Il-biża tiegħi
Tagħrafha
U tassigurani
Li dirgħajk miftuħa biżżejjed
Biex jilqgħu lili fihom
Ma jingħalqux madwari
Għax minix marbut
Dirgħajk miftuħa
Biex nibqa paxxut
Li nagħżlek, niċħdek
Ħadd m’hu sidi
Ħadd m’hu jorbotni
Jew iżommli idi

Mill-għoli tas-salib
Id-dnubiet tiegħi
Tagħrafhom wieħed wieħed
Inixxu ma’ demmek
Sat-trab tal-art
Taħt għarqubek qaddis
Il-wiegħda li
Minn dak il-piż
Inti tnaddafni
Għax int b’ibnek tafni

Mill-għoli tas-salib
Imwarrab ħassejtek
U għalhekk missejtek
Għax hekk tħassartek
Mdemmi, imkisser w’għarwien
Imkasbar, imwarrab w’għajjien
Iżda malajr nsejt
Kemm tajjeb jinħass is-sliem
U b’qalbi kollha niċħdek
F’inqas minn tlett ijiem

Aħfirli Mulej
Mhux għax jistħoqqli
Kieku kellek tkun verament ġust
L-għaraq ixoqqli
Naqta’ qalbi
Minn quddiemek nitwarrab
Niġġarraf
Taħt l-uġiegħ li nġarrab

M’iniex ta’ min
B’serjeta’ joħodni
Meta b’qalbi nkasbrek
Għall-gost ta’ min jobgħodni

Iżda nitolbok biss
Tħallini mmiss
Id-dawl ta’ għada
Għax forsi għada
Nikber farka
Narak aħjar
Nifhmek aħjar
Ninsa lili nnifsi

U hekk ntenni
Tismax talbi
Bl-għerf tlibbisnix
Għax jekk nasal nifhem
Min verament int
Maħfra ma jistħoqqlix

Nitolbok minflok
Biex ngħix dir-realta
Minn tiegħek dewwaqni
Daqsxejn umilta’
Biex ngħix bla ma nifhem
Għal tiegħek biss l-isem

Kull marka fis-salib
Kull musmar
Jorbot u jħoll
U llejl jisfuma f’nhar
U għada jisbaħ ukoll

Il-bieb infetaħ
S’issa ma ingħalaq qatt
Għax m’hemmx akbar ħabib
Minnek, l-għarwien tas-salib

25 March 2013 at 00:39

Krema u Żejt

Dejjem bżajt mill-krema w’miż-żejt
Lil saħħti ma jgħinux
U l-kulur ma jurux
Ta’ dak li jkun qiegħed jistenna
Xiber taħt

Sakemm il-krema tispiċċa
It-tidlik jitlaqqat
U tixref il-verita’

Qatt daqs dan iż-żmien
Ma rajna krema u żejt
Kollox sabiħ
Abjad verġni
B'subgħajk jixtiquk tmiss

Iżd' attent - kun af
Li l-krema tispiċċa
U għada pitgħada,
Malta tagħhom biss

4 March 2013 at 20:02

Mument

Il-ħajja ġiet għax hekk tagħmel
U kollox ħadem perfett
Siegħat kontanti
Dawl leblieb
Mumenti straordinarji
Mlew ħajja mill-ewwel nifs sa dan

U l-mewt waslet
U ġabet tmiem
Lill-ħin iffriżat
F'memorji griżi

Mingħir storbju
Mingħir dawl
Mhux bħal riefnu
Mhux bħal sajjetta
Mhux bħal żiffa
Iżda bħala mument ieħor
Mument ta' skiet
Mument bla rwejjaħ
Mument etern
Preżent etern griż

Fejn kien hemm il-ħajja ġiet il-mewt
Għax il-mument huwa issa
U dik hi l-ħajja
U dik hi l-mewt

21 March 2013 at 23:57

Poeżija lil min hu f'Poter Ekkleżjastiku

B’għajnejk ċanfartni
Leħnek ollejt
Biex semmajt lil Alla u fakkartu li int tiegħU
Iktar minni.
U d-dixxipli tiegħek jistudjaw kull pass li tagħmel int
Għaliex jaraw fik l-epitom tal-irġulija
U bħalek jixitiequ jsiru
Jarawk minn fuq l-artal
Iċċanfar il-folla
Draw il-maġija li tiġri
Meta bejn subgħajk tobrom l-ispag
Li jmexxi l-marjunett tal-kongregazzjoni
Li tiżfen mas-salmi tiegħek

Fosthom jien
Niflik, nagħrfek, nistudjak
U b’imħabba għal kull m’hu sagru
Niċħad lilek u l’kull ma tirrapreżenta
Għax ġiegħeltni nistmerr
Dak kollu li dejjem għaraft b’tajjeb

Imma issa ninduna
Għalxejn nistħtek, għalxejn nħalli l-preżenza tiegħek
Fuq il-maqdes tkiddni.
Illum nifhem, fhimt illum
Li f’din ir-reċta li fiha aħna protagonisti
Jien u int għandna rwoli differenti
Tiegħi li nitkaża bik minn fuq il-bank
U tiegħek li minn fuq l-anbone tammonini
Biss infakkrek
Għaraf sa’ fejn għandek tasal f’din il-parti li qiegħed tilgħab
Tinsa’ qatt li m’għandek l-ebda poter
Ħlief dak mogħti lilek mis-sema
U għalhekk, id-dnub tiegħek f’ismU huwa ikbar