Thursday 15 August 2013

Aħfirli

Aħfirli ta' meta ndejqek meta nifraħ bik, qatt m'hi x-xewqa tiegħi
Li nweġġħek jew niskomodak.
Inkun biss eċitat, aktarx inkun ili ma narak xi ftit mhux ħażin.

Imsomma, ngħiduha kif inhi…
Anke ħames minuti bogħod huma biżżejjed
Għax kif nisimgħek iddawwar iċ-ċavetta
Jew iċċempel il-qampiena tal-bieb
Dak ifisser biss li int, sieħbi - ma kontx id-dar
U jeħtieġ li nilqgħak
Għax jien inħobbok

U aħfirli ta' meta weġġgħajtek għax ħtaftlek idejk.
Ridt nigdem il-ballun tal-isponża, mhux lilek
Ma kkalkulajtx sew, imma kif indunajt, 
Tlaqt kollox u ntfajt fuq dahri
Biex togħrokli żaqqi u nnessik
U tinduna li m'iniex kattiv 
Li kien żball
Li nħobbok

Aħfirli jekk ma nifhmekx mall-ewwel
Kultant indum ftit biex nieħu. 
Tort tiegħi, m'għandix dubju
Għax int tibda' tgħajjat umbgħad, u ġieli ssawwatni
Jew iċċaqlaqni minn ximkien bil-goff

Aħfirli meta ninbaħ ngħajjat
U nqajjem il-ġirien…
Nagħmel hekk ħafna meta nkun ferħan
Meta narak tixtieq tilgħab ftit miegħi

Żomm f'moħħok li int mhux dejjem tkun tista' 
Ttellagħni fuq il-bejt u tħallini niġri warajk
Il-bqija tal-ħin 
Meta int tkun ix-xogħol
Titkellem ma' ħbiebek
Tinnamra f'xi sodda
Jien inkun qiegħed waħdi fis-salott mdallam
Nixxennaq għal maħbuba
Li int qatt m'hu ħa tħallini mmiss
U qas li kieku
Għax fl-għerf tiegħek, sewwejtni

Aħfirli ta' kull darba li ninsa nitbissem
Aktarx inkun qiegħed niftakar
Li ma kull sena tiegħek
Qed jgħaddu sebgħa tiegħi
U kull siegħa li nkun waħdi
Nħossha seklu

Qalbi faċilment tiswied
Għax is-solitudni tnikkitni
Imbgħad jien…li kull ma nixtieq hu li noqgħod ħdejk!
M'hemmx bżonn dejjem nitkellmu ta…
Biżżejjed għalija nkun ma l-art
Fejn saqajk
Nżommlok kumpanija
Għax jien inħobbok

Aħfirli ta' meta npexpex mal-ħajt u tul il-kuritur
Meta turini ċ-ċinga u tgħidli 'tlaqna barra!'
Dak għax ma nkunx nista' nikkontrolla l-pjaċir
Meta nirrealiżża
Li int, sieħbi, lest tissagrifika ftit minn ħinek
Biex tagħmel passejn miegħi
Sinjal li int tħobbni ħafna wkoll

Nixtieq li kieku stajt nixjieħ miegħek!
Nixtieq inkun nista' nieħu ħsiebek!
Nħossni xxurtjat ħafna li ltqajna
Għax jien kull m'jien kelb, u bħali ssib kemm trid
Imma int tiegħi ħabib...għax int tiegħi is-sid

28 March 2012 at 23:56

No comments:

Post a Comment