Thursday 15 August 2013

L-Għarwien tas-Salib

Taħt l-għoli tas-salib
B’qalb imnikkta mxejt
U tlabtek għall-għerf
Li minni int ħbejt
Sabiex inkun nista’
Nagħraf lill-għadu
Għax stħajjilt li floki
L-għerf huwa ħadu
U l-għerf int tajtni
U nfetħu għajnejja
Għall-kurċifiss tiegħek
U bżajt, Mulejja

Fuq l-għoli tas-salib
Dirgħajk miftuħa
Ġismek spulpjat
Imtertaq
Tiċrita waħda
Dagħwa b’Alla
Dagħwa bik
Beżqa f’wiċċek
Stajt tara lil min
Fiċ-ċokontu rabtek
Għajnejh għalaq
Għax sabek
Ma riedx jgħarfek
U għalhekk kasbrek

Mill-għoli tas-salib
Il-biża tiegħi
Tagħrafha
U tassigurani
Li dirgħajk miftuħa biżżejjed
Biex jilqgħu lili fihom
Ma jingħalqux madwari
Għax minix marbut
Dirgħajk miftuħa
Biex nibqa paxxut
Li nagħżlek, niċħdek
Ħadd m’hu sidi
Ħadd m’hu jorbotni
Jew iżommli idi

Mill-għoli tas-salib
Id-dnubiet tiegħi
Tagħrafhom wieħed wieħed
Inixxu ma’ demmek
Sat-trab tal-art
Taħt għarqubek qaddis
Il-wiegħda li
Minn dak il-piż
Inti tnaddafni
Għax int b’ibnek tafni

Mill-għoli tas-salib
Imwarrab ħassejtek
U għalhekk missejtek
Għax hekk tħassartek
Mdemmi, imkisser w’għarwien
Imkasbar, imwarrab w’għajjien
Iżda malajr nsejt
Kemm tajjeb jinħass is-sliem
U b’qalbi kollha niċħdek
F’inqas minn tlett ijiem

Aħfirli Mulej
Mhux għax jistħoqqli
Kieku kellek tkun verament ġust
L-għaraq ixoqqli
Naqta’ qalbi
Minn quddiemek nitwarrab
Niġġarraf
Taħt l-uġiegħ li nġarrab

M’iniex ta’ min
B’serjeta’ joħodni
Meta b’qalbi nkasbrek
Għall-gost ta’ min jobgħodni

Iżda nitolbok biss
Tħallini mmiss
Id-dawl ta’ għada
Għax forsi għada
Nikber farka
Narak aħjar
Nifhmek aħjar
Ninsa lili nnifsi

U hekk ntenni
Tismax talbi
Bl-għerf tlibbisnix
Għax jekk nasal nifhem
Min verament int
Maħfra ma jistħoqqlix

Nitolbok minflok
Biex ngħix dir-realta
Minn tiegħek dewwaqni
Daqsxejn umilta’
Biex ngħix bla ma nifhem
Għal tiegħek biss l-isem

Kull marka fis-salib
Kull musmar
Jorbot u jħoll
U llejl jisfuma f’nhar
U għada jisbaħ ukoll

Il-bieb infetaħ
S’issa ma ingħalaq qatt
Għax m’hemmx akbar ħabib
Minnek, l-għarwien tas-salib

25 March 2013 at 00:39

No comments:

Post a Comment